28 u 29 ta’ Jannar, 2021
‘X’jistenna l-kobor tiegħek mill-iżgħar fost iż-żgħar?’ hija silta meħuda minn ‘L-Għanja ta’ Malta’, li hija kantata miktuba mill-Prof. Oliver Friggieri u li nstemgħet għall-ewwel darba fil-KonKatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta fl-1989. Din hija l-mistoqsija li timmarka t-tema tal-laqgħa tal-Ambaxxaturi għal din is-sena, fejn il-‘kobor’ ta’ pajjiżna jistħoqqlu kull ġieħ, filwaqt li bħala l-‘iżgħar fost iż-żgħar’ għandna kontinwament infittxu li nsibu l-aħjar metodi kif naħdmu fir-realtajiet internazzjonali.
Diskors mis-Segretarju Permanenti
Laqgħa tal-Ambaxxaturi 2021 – L-ewwel jum – 28 ta’ Jannar, 2021
Onorevoli Ministru
Eċċellenzi
Huwa ta’ pjaċir għalija li għandi l-opportunita’ nindirizzakom f’din l-ewwel laqgħa tal-Ambaxxaturi li qed nipparteċipa fiha. Din il-laqgħa qed tittella’ fi żmien li huwa inkwetanti daqs kemm huwa eċitanti, kemm għal Malta u anke mill-aspett multilaterali. Żmien li jitlob minna li nkunu kawti iżda fl-istess waqt kuraġġużi li nidħlu għal inizjattivi ġodda. Żmien li fih nagħrfu noffru valur lill-kobor tagħna bħala nazzjon, bla ma ninsew iċ-ċokon reali ta’ pajjiżna. Din hija d-dinja li qed ngħixu fiha, dinja li toffrilna potenzjal enormi u fl-istess waqt tpoġġi fuqna limitazzjonijiet kbar.
Politika Barranija
Nemmen li fil-politika barranija tagħna hekk kif imsejsa mill-1964 lil hawn, għarafna nżewġu l-kobor u ċ-ċokon ta’ pajjiżna b’tali mod li llum il-ġurnata l-identita’ li bnejna bħala nazzjon titlob minna li ma ninjorawx il-ħidma li wettqu dawk kollha li ġew qabilna u taw is-sehem tagħhom biex kienu rappreżentanti denji ta’ dan il-pajjiż.
Iċ-ċokon tagħna jitlob minna li jkollna politika ffokata fuq miri ċari. Għalhekk nistinkaw kemm nifilħu biex inkunu aġenti ta’ paċi fil-Mediterran. Għalhekk nagħtu importanza kbira lis-sigurta’ u l-istabbilita’, biex il-pajjiż ġar tagħna l-Libja jkun jista’ jqum fuq saqajh. Għalhekk qed inħarsu lejn l-Afrika bħala l-art tal-opportunitajiet.
Huwa għalhekk ukoll li nistinkaw sabiex niksbu l-aħjar mill-isħubija tagħna fl-Unjoni Ewropeja. Din hija politika li taqbel għalina l-Maltin u fl-istess waqt ma tippromwovi l-ħsara fuq ħadd. Il-politika tagħna m’hijiex ikkaratterizzata minn ħafna promozzjoni ta’ prinċipji morali għolja, li x’ħin tagħsarhom jifdallek biss suġġett sterili li ma jissarrfu f’ebda ġid la għall-Maltin, fuq il-kamp bilaterali, u wisq anqas għall-umanita’ kollha kemm hi, fil-kamp multilaterali taħt il-kappa tal-Ġnus Magħquda.
Għaldaqstant huwa ta’ sodisfazzjon li ninnota li l-pajjiżi kollha li b’xi mod imissu mal-Mediterran, iktar ma jmur qed jagħrfu li l-koerenza tagħna fil-politika barranija favur id-djalogu fuq il-kwestjoni tal-Lvant tal-Mediterran, tagħmel minna pajjiż b’argumenti li nistgħu niddefenduhom f’kull ċirkostanza. Għalkemm ikun hemm min jixtieq ipenġi lil Malta bħala maħbuba wisq ma’ pajjiż jew ma’ ieħor, fl-aħħar mill-aħħar ilkoll jafu li mħabbitna tmur għal pajjiżna, daqs kemm tmur għall-paċi.
Għalhekk huwa ta’ pjaċir għalija li nara li pajjiżna jesporta f’idejn iż-żgħażagħ Libjani l-għodda tal-koperazzjoni fil-qasam tal-kummerċ u l-iżvilupp edukattiv. Għodda li biha nippromwovu l-paċi dejjiema, mhux id-degrad tal-kommunitajiet. Il-paċi fil-Libja jeħtieġ tkun sostnuta bil-bini ta’ strutturi ċivili li joffru lill-poplu Libjan it-tama ta’ qawmien ġdid li ma jiddependix biss fuq min joffri l-protezzjoni għall-kunflitti tal-lum, iżda jiddependi fuq kollox fuq il-bini ta’ ġejjieni tajjeb għal poplu li bħalna jrid jgħix fil-paċi; bħalna jixtieq il-ġid lill-familji tiegħu; u bħalna jixtieq li jara lilu nnifsu stmat bħala persuna f’artu u bħala poplu fil-bqija tad-dinja.
Bħalma r-relazzjonijiet bilaterali tagħna mal-Libja u mal-Italja huma kruċjali fil-ħolqien ta’ pont bejn l-Ewropa u l-Afrika, daqstant ieħor huwa kruċjali għalina li naraw l-Unjoni Ewropeja tikkollabora mill-qrib mal-kontinent Afrikan. Kollox jindika li bosta ekonomiji fl-Afrika huma mistennija jikbru. Huwa minnu li l-Covid-19 tefgħet lura f’faqar estrem lill-miljuni ta’ Afrikani, iżda huwa minnu wkoll li bosta se jkunu l-pajjiżi Afrikani li bħalna se jistinkaw biex jaraw li l-ekonomija tagħhom tirkupra malajr kemm jista’ jkun, wara li l-effetti devastanti tal-pandemija jkunu ġew taħt kontroll. Għalhekk bħalma l-Unjoni Ewropeja tagħraf li jekk l-Afrika tifjorixxi, dan ikun ta’ gwadann ukoll għall-Ewropa (kif kien mistqarr mill-President tal-Kummissjoni Ewropeja fil-ftuħ tal-għaxar sessjoni plenarja bejn il-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana u dik Ewropeja mtella’ fi Frar li għadda), hekk ukoll naraw li naħdmu biex infittxu opportunitajiet ta’ gwadann reċiproku ma’ pajjiżi ta’ dan il-kontinent bl-iżjed popolazzjoni żagħżugħa fost il-bqija tal-kontinenti.
Permezz tal-ħidma mmexxija mir-Rappreżentanta Permanenti tagħna fi Brussell, illum stajna naraw il-ħidma li qed issir biex ikun hemm kordinament mill-iżjed effettiv bejn id-Direttorati fil-Kapitali tagħna Valletta, l-Ambaxxati tagħna fl-Ewropa u l-pajjiżi ġirien, kif ukoll il-Korp Diplomatiku tagħna ġewwa Brussell. Dan huwa xhieda tal-ħidma li qed issir biex il-vuċi tagħna bħala Membru Stat tal-Unjoni Ewropeja, tkun vuċi waħda, attiva u koordinata bl-aħjar mod.
Fuq il-front multilaterali ħassejtni kburi kemm bħala Malti u kemm bħala Uffiċjal fi ħdan il-Ministeru, li wara li Malta kienet iffirmat u rratifikat t-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Armi Nukleari is-sena li għaddiet; il-ġimgħa li għaddiet bosta saru jafu li l-impenn tagħna f’dan ir-rigward kien fost l-ewwel ħamsin stati fid-dinja, iżjed u iżjed meta dan urejnih lil bosta nies f’Malta u barra minnha, billi fil-qalba tal-Port il-Kbir tfajna projections fuq il-Forti Sant’ Anġlu li juru li Malta aderixxiet ma’ dan it-trattat. Din hija tassew espressjoni konkreta favur il-paċi, li tmur lil hinn mir-retorika għaliex tkun magħrufa minn kulħadd bħala ġest sostnut bil-fatti.
Sinerġiji
La qed nitkellmu dwar il-fatti, naħseb illi jkun għaqli li fl-ewwel indirizz tiegħi lilkom nistqarr magħkom x’inhuwa l-impatt pożittiv li nixtieq inħalli bil-ħidma tiegħi f’dan il-Ministeru, bħalma ninsab ċert li bosta minnkom ilkom tħallu għal ħafna snin.
Ilni għaxar snin inservi fl-amministrazzjoni pubblika, ħames snin qattajthom immexxi l-amministrazzjoni fil-Kunsilli Lokali u din is-sena se nkun qed nagħlaq ħames snin inservi bħala Segretarju Permanenti. F’dawn is-snin ta’ ħidma dejjem rajt illi nimbotta l-ġid komuni qabel l-interessi personali ta’ wħud. Dejjem rajt li f’ħidmieti l-ġid tal-organizzazzjoni jiġi qabel l-interess tiegħi jew ta’ uħud fi ħdan l-istess organizzazzjoni. Nemmen li dan huwa l-mod kif wieħed jista’ jasal iħalli legat biex ikun tassew ta’ servizz għall-oħrajn.
Nistqarr magħkom li ma kienx faċli għalija nadatta ruħi għall-bidla, iżda fl-istess waqt inħossni sodisfatt li iżjed ma jgħaddi ż-żmien, bl-għajnuna tagħkom u ta’ bosta uffiċjali oħra fi ħdan il-Ministeru, qed jirnexxieli nifhem dejjem aħjar l-oqsma varji marbuta mal-politika barranija u l-proċessi amministrattivi li jiffurmaw il-ħidma tagħna ta’ kuljum.
Waħda mill-affarijiet li nħoss li jeħtieġ li naħdmu iżjed dwarha lkoll kemm aħna, hija proprju l-komunikazzjoni effettiva tagħna, kemm bejnietna u anke ma’ entitajiet oħra. Kif tafu, dan ix-xahar nidejna pjattaforma ġdida li permezz tagħha ir-rapporti ta’ kull xahar li tgħaddulna mill-Ambaxxati issa bdew ikunu aċċessibbli elettronikament bil-għan li jirnexxilna nolqtu bosta aspetti, fosthom li l-aċċessibilita’ tkun waħda faċli, tiżdied it-trasparenza, ir-rapporti jkunu iżjed konċiżi u nsaħħu l-memorja istituzzjonali billi nippromwovu ħolqien ta’ databases flok patafjun ta’ emails li maż-żmien isiru impossibbli li tfittxhom u ssibhom.
Jiena ninkoraġġikom titkellmu ma’ Ministeri u korpi kostitwiti oħrajn u tesploraw inizjattivi ġodda. L-uffiċċju tiegħi narah li għandu jkun l-għodda li tiffaċilita s-sinerġiji ta’ bejnietna u mhux għarbiel li minnu jingħażel x’jista’ jsir u x’m’għandux isir. Għalhekk filwaqt li tajjeb li tingaġġaw kemm tifilħu ma’ terzi biex jixxettlu inizjattivi ġodda, ikun għaqli wkoll li żżommu lilna fil-Kapitali aġġornati b’dak li jsir, sabiex il-kordinament bejnietna jkun wieħed tajjeb.
Ma nistax nitkellem dwar il-komunikazzjoni mingħajr ma nsemmi l-emails. Filwaqt li naf li l-volum tal-emails sar joffri sfida f’bosta organizzazzjonijiet kemm privati u anke fis-servizz pubbliku, naħseb li jkun għaqli li qabel ma niktbu email nagħrfu eżatt xi rridu nikkomunikaw u lil min. Li nikkopjaw lil kull uffiċjal li b’xi mod jista’ jmiss mal-materja u fl-aħħar mill-aħħar tkun ir-responsabbilta’ ta’ persuna waħda biss li tweġibha, ma nħossx li huwa metodu effettiv kif nikkomunikaw bejnietna. Inqisha importanti li bħala parti mir-rapporti li tgħaddulna, tibagħtu wkoll punti saljenti li tkunu tixtiequ li jinqabdu minn min ċertament m’għandux il-ħin jaqra rapporti twal, minħabba l-kwantita’ li jaslulu ta’ kuljum. Dan ma ngħidux bi kritika, iżda b’rispett lejn il-ħidma ta’ xulxin għaliex messaġġ jasal iżjed jekk jinkiteb fil-qosor, milli b’rapporti li jkun diffiċli li wieħed jaqrahom kollha. Naf li dan id-diskors jaf jinstema’ trivjali għal laqgħa tal-Ambaxxaturi li ssir darba f’sena, iżda fl-istess waqt inħoss li l-mod kif nikkomunikaw bejnietna huwa importanti ferm biex il-ħidma tagħna tkun dejjem aktar effettiva.
Napprezza ħafna inizjattivi bħal dik li saret il-ġimgħa li għaddiet mid-Direttorat Ġenerali għall-qasam Globali, fejn permezz ta’ webinar intom l-Ambaxxaturi ġejtu mlaqqgħin biex tifhmu x’inhu l-ħsieb wara t-tliet Ambaxxaturi tematiċi maħtura riċentament. Dawn l-inizjattivi joħolqu sens akbar ta’ camarederie u ninsab ċert li jqanqlu fostkom ir-rieda li tidħlu f’sinerġiji ġodda.
Kif tistgħu tinnotaw l-idea tiegħi ta’ komunikazzjoni aħjar bejnietna hija mitqiesa kruċjali għaliex nemmen li tgħin biex tkisser silos li b’mod naturali jew intenzjonat jinħolqu matul iż-żmien, li flok jgħinu fil-ħidma tagħna, ixekkluha.
L-intenzjoni tiegħi m’hijiex li nqatta’ ħini nikkritika dak li ma jaħdimx; nippreferi nuża l-enerġija tiegħi biex noħloq inizjattivi ġodda li jagħtu l-frott.
Inizjattivi
Matul din is-sena li għandna quddiemna se nkun qed naħdem flimkien magħkom u mal-uffiċjali kollha fi ħdan il-Ministeru fuq bosta inizjattivi. Qed nieħu din l-opportunita’ biex nelenka għaxar inizjattivi li jeħtieġ inkomplu naħdmu fuqhom din is-sena biex insaħħu l-ħidma tagħna:
- Dwar il-Libja se nara li naħdem biex jinħoloq tim ta’ nies li jsaħħaħ il-preżenza tagħna fil-Libja u joffri kontinwita’ għaż-żmien li ġej.
- Fir-rigward tal-istrateġija tagħna għall-Afrika, ser inkun qed nara li jkollna f’moħħna l-objettivi strateġiċi li għandna nagħtuhom prijorita’ biex fost oħrajn ikollna preżenza f’Addis Ababa, L-Etjopja u kull Direttorat ikun jaf x’inhu mistenni jwettaq bħala parti minn din l-istrateġija.
- Fir-reġjun tal-Golf se nvaraw proġett pilota li bih se nibdew inħaddmu key performance indicators għall-Ambaxxati, sabiex ‘l quddiem naslu biex kull Ambaxxatur li jinħatar jintrabat li jwettaq ħidmietu skont l-indikaturi mogħtija lilu. F’dan ir-rigward ninnota b’sodisfazzjoni il-viżita li għamel il-Ministru ġewwa l-Qatar fil-ġimgħa li għaddiet, fejn anke f’Doha se jkollna preżenza Diplomatika.
- Il-ġimgħa li għaddiet ħriġna s-sejħa għas-Second Secretaries, wara li f’Diċembru bl-għajnuna ta’ wħud minnkom tkellimna mal-istudenti tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali fl-Universita’ ta’ Malta biex inħeġġuhom jaqbdu karriera fil-Korp Diplomatiku. Qed nara li l-ewwel prijorita’ fl-eżerċizzju tal-capacity building huwa li jkollna Head Office mgħammar bir-riżorsi umani meħtieġa, u minn hemmhekk inkunu nistgħu naslu biex għada pitgħada anke r-Rappreżentanza tagħna fi Brussell tkun f’qagħda tingaġġa iżjed nies mill-Korp Diplomatiku.
- Diġa’ tlabna lill-Gvern Brażiljan jikkunsidra li niftħu Ambaxxata fil-Kapitali Brasilia. Morna għal dik l-għażla għaliex din hija l-iżjed belt Latin Amerikana li fiha hemm attivita’ Diplomatika li minnha Malta tista’ tibbenefika.
- Permezz tal-Projects Steering Committee se nkun qed nara li kull fejn meħtieġ insegwi l-proġetti li jeħtieġ isiru fi proprjetajiet li għandna ‘l barra minn xtutna u dawk li jonqosna nixtru biex inwettqu l-ħidma pjanata.
- Diġa’ sar bosta xogħol biex infasslu l-Politika Barranija tagħna għas-snin li ġejjin. Se naraw li dak ix-xogħol ikun konsolidat sabiex niżviluppaw politika li tirrispetta l-legat li ħallew ta’ qabilna u fl-istess waqt tilqa’ aħjar għall-isfidi ta’ żmienna.
- Qegħdin naħdmu wkoll sabiex niżviluppaw Foreign Services Act bil-għan li l-istatura tal-Korp Diplomatiku tissaħħaħ u l-irwol tal-ħidma tal-Ministeru jkollu l-għarfien fil-liġijiet ta’ Malta kif tassew jixraqlu.
- Se nkunu qed naraw li nniedu eżerċizzju ta’ corporate branding li jinkludi mill-inqas letterhead, sal-plakka li titwaħħal mal-faċċata tal-Ambaxxata, bil-għan li d-dehra tal-missjonijiet tagħna barra tkun waħda uniformi fil-missjonijiet kollha tagħna.
- Se niddiżinjaw programm ta’ taħriġ apposta għall-Malta Based Officers u l-Ambaxxaturi, li jkun mogħti lil dawk kollha li jkunu se jiġu assenjati f’waħda mill-missjonijiet tagħna.
Kif tistgħu tinnotaw, il-ħidma li għandu quddiemu l-Ministeru hija waħda wiesa’ ferm li fil-kuntest ta’ stat ibbażat fuq dan l-arċipelagu ta’ gżejjer żgħar tkompli tagħmilha waħda li titlob minna iżjed impenn, meta mqabbel ma’ stati kbar li għandhom il-lussu li jkollhom strutturi ikbar, fejn kull qasam ikollu nies speċjalizzati apposta. Dan mhux se jservina bl-ebda mod bħala skuża biex ma ninvestux iżjed fir-riżorsi umani. Lanqas ma huwa se jservina bħala skuża biex noqogħdu lura milli nirriformaw l-istruttura organizzattiva tal-Ministeru u nagħmluha waħda iżjed effettiva; għall-ġid tal-funzjonijiet li naqdu; tal-valorizzazzjoni aħjar tal-uffiċjali tagħna; u kif ukoll tal-klijenti kollha li jkunu jeħtieġu s-servizzi tagħna.
Covid-19
Inkun qed nonqos jekk f’dan l-indirizz tiegħi lilkom ma nitkellimx dwar it-tilqima tal-Covid-19. Naf li għal uħud minnkom ġja’ hemm soluzzjonijiet ta’ kif eventwalment se tkunu tistgħu tieħdu t-tilqima. Waslu għandi każi li jiena deherli li kienu jimmeritaw prijorita’ mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika, iżda meta qajjimthom mal-Uffiċjali inkarigati, ntqal lili li l-protokoll li qed ikun segwit ma jistax jiġi varjat għall-ħtiġijiet tal-korpi diplomatiċi tagħna. Loġistikament, żewġ problemi li nara huma; li hija diffiċli biex ikollok ftit tilqimiet jinġarru għad-Diplomatiċi tagħna biss f’kull missjoni, kif ukoll li t-tilqima tingħata f’żewġ dożi separati bi tliet ġimgħat bejniethom fil-pajjiż fejn għandna l-missjoni tagħna. Dan wassalna sabiex l-ewwel nesprimu l-inkwiet tagħna mal-European External Action Service, sabiex nifhmu jekk humiex jikkordinaw min-naħa tagħhom għad-Diplomatiċi kollha tagħhom stess, u dawk li qed jirrapreżentaw lill-Membri Stati fil-bqija tad-dinja. Issa li għandna għarfien sħiħ dwar x’inhuwa meqjus possibbli, erġajna tlabna lis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika tikkunsidra t-talbiet tagħna sabiex malli jkollna t-tweġibiet inkunu nistgħu nerġgħu nikkomunikaw magħkom f’dan ir-rigward, bit-tir li tkunu tafu x’qed isir min-naħa tagħna.
Konklużjoni
Illum hija ġurnata speċjali għall-Ministeru għaliex matulha inawgurajna din is-Sala li ninsabu fiha llum, bl-isem ta’ Sala Alfred Zarb. Naf li għal dawk li laħqu lis-Sur Zarb jafuh bħala bniedem li serva ta’ gwida u ispirazzjoni għal bosta nies fil-Korp Diplomatiku. Meta ġejt hawnhekk f’Ġunju li għadda, kien hemm min ġibidli l-attenzjoni li l-uffiċjali ma għandhomx post fejn jiltaqgħu ġewwa Palazzo Parisio. Illum se nkunu qed nilħqu mira oħra, bis-saħħa tal-ħidma li ssir minn bosta nies dedikati fi ħdan il-Ministeru. Dan il-post għandu jkun il-post minn fejn wieħed jiddiskuti ideat ġodda u jħares ‘l quddiem biex nagħmlu minn dan il-Ministeru organizzazzjoni miftuħa għall-ideat ġodda, li lesta biex tindirizza kwestjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar huma għall-qalb il-poplu Malti. Għalhekk nisħaq dwar l-importanza li nikkollaboraw ma’ Ministeri oħrajn. Meta nagħmlu dan, inkunu qed nagħmlu minn ħidmietna waħda iżjed relevanti għall-ħtiġijiet tan-nies.
Huwa permezz ta’ din l-attitudni li tħares ‘il quddiem biex nibnu fuq il-ħafna tajjeb li ġja’ qed isir, li beħsiebni naħdem flimkien magħkom sabiex b’mod attiv nibżgħu u naħdmu dejjem aktar għall-kobor tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna, u nagħmlu minn kollox biex miċ-ċokon tagħna nisiltu iżjed vantaġġi milli żvantaġġi.
Minn qalbi nirringrazzja lilkom ilkoll u lil kull individwu li jagħti s-sehem tiegħu fi ħdan il-Ministeru, għall-ħidma tagħkom. Aħna nistgħu ningħarfu minn dak li jirnexxilna nwettqu.
Nirringrazzjakom tal-attenzjoni.