Intlaqgħet tajjeb ħafna l-proposta li ssir Konferenza għas-Sigurta u l-Kooperazzjoni fil-Mediterran bl-ispirtu tal-Konferenza ta’ Ħelsinki li kienet saret fl-1975. Dil-proposta għamilha l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo f’laqgħa dinjija li qed issir f’Bologna dwar r-rabta bejn ir-reliġjonijiet u l-politika internazzjonali u s-sehem tagħhom biex jindirizzaw il-problemi fid-dinja llum. Rappreżentanti tal-Gvern Taljan u tal-Vatikan faħħru l-proposta tal-Ministru Bartolo u qalu li hemm bżonn li l-pajjiżi tal-Mediterran jiltaqgħu u jaħdmu flimkien għall-ġid komuni u l-paċi fil-Mediterran.
Il-Ministru Bartolo qal li nġemgħu ħafna problemi fil-Mediterran u hemm bżonn li l-pajjiżi fuq iż-żewġ xtut tal-Medietrran jitkellmu flimkien biex jindirizzaw dawn il-problemi.
Il-Ministru Bartolo qal li l-Unjoni Ewropea għandha tagħti iżjed attenzjoni lill-Mediterran u lill-Afrika għax is-sigurtà u l-paċi tagħha huma marbuta magħhom.
Il-Ministru semma l-isfidi tat-tibdil tal-klima, il-pandemija, l-għixien tal-miljuni li jgħixu fil-Mediterran, il-kunflitti u l-gwerer, il-kummerċ u l-immigrazzjoni li hemm bżonn jiġu indirizzati.