2023: Malta l-unika pajjiż tal-UE li se jservi bħala membru mhux permanenti tal-UNSC

2023: Malta l-unika pajjiż tal-UE li se jservi bħala membru mhux permanenti tal-UNSC

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Set 20, 2022
 
Fl-2023, Malta, flimkien ma’ Franza, li hija membru permanenti, se tkun vuċi importanti u essenzjali tal-Unjoni Ewropea fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. Dan kien innotat waqt il-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea fid-dawl tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda.
 
Fl-intervent li għamel il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, sostna li din il-laqgħa fi żmien daqstant kritiku hija opportunità importanti ta’ kif l-Unjoni Ewropea se tkun qed tikkomunika l-azzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja. “Bħala pajjiż nemmnu bis-sħiħ fil-prinċipji tan-Nazzjonijiet Magħquda u aktar minn hekk bħala membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda kommessi li nkomplu nimbuttaw ’il quddiem il-valuri tal-paċi u tas-sigurtà,” spjega l-Ministru Ian Borg.
 
Il-Ministru spjega kif l-Unjoni Ewropea għandha bżonn li tibqa’ magħquda f’dawn il-mumenti għaliex dan huwa l-akbar vantaġġ, dan minkejja li għandha ssir analiżi profonda ta’ dak li qed jiġri u kif dan jista’ jkun indirizzat bl-aħjar mod possibbli mingħajr ma jbati l-poplu Ewropew mil-lat ekonomiku, soċjali u anke kulturali. Dr Borg kompla jgħid li fid-dawl tal-assistenza li l-Ukrajna għandha bżonn, ikun għaqli li l-Unjoni Ewropea tiżgura s-sostenibbiltà f’din l-għajnuna. Huwa sostna wkoll li jkun għaqli jekk l-Unjoni Ewropea tiddjaloga mal-komunità Russa, partikolarment dik li hija kontra l-gwerra, għaliex dawn huma ugwalment parti essenzjali min-narattiva kontra min qed jappoġġa u jiffinanzja dawn l-atti barbari li qed naraw.​

Il-Ministru Ian Borg waqt il-laqgħa tal-Ministri fl-Istati Uniti
Il-Ministru Ian Borg waqt il-laqgħa tal-Ministri fl-Istati Uniti

Preżenti fil-laqgħa tal-Ministri fil-konfini tal-UNGA
Preżenti fil-laqgħa tal-Ministri fil-konfini tal-UNGA

Dr. Borg jindirizza l-laqgħa tal-Ministri
Dr. Borg jindirizza l-laqgħa tal-Ministri​