Iċċelebrat Jum l-Indipendenza f’Pariġi

Iċċelebrat Jum l-Indipendenza f’Pariġi

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Set 27, 2022
 

It-58 Anniversarju tal-Indipendenza kien imfakkar mill-Ambaxxata ta’ Malta fi Franza permezz ta’ kunċert klassiku li nżamm fir-residenza tal-Ambaxxatur, kif ukoll permezz ta’ festin, ġurnata oħra, miżmum fl-Ambaxxata għal membri tal-Korp Diplomatiku bażati ġewwa Pariġi, uffiċċjali, u ħbieb tal-Ambaxxata.

 

It-Trio Debono interpretaw għażla ta’ mużika klassika lill-kommunita Maltija f’Pariġi. Il-pjanist Leo Debono laqqa l-udjenza ma’ Chopin permezz tal-mużika tiegħu, filwaqt li Claire is-soprano u Lena l-mezzo-soprano, kantaw biċċiet min Mozart, Offenbach, Rossini, Haendel u xogħlijiet ta’ kompużituri oħrajn tal-opra.

 

L-Ambaxxatur Carmelo Inguanez, flimkien mas-Sur Kurt Vella Fonde, Deputat Ambaxxatur, u s-Sur Robert John Micallef, Konslu u l-Ewwel Segretarju, taw merħba lill-membri tal-Korp Diplomatiku bażati ġewwa Pariġi, Konsli Onorarji ta’ Malta madwar Franza, u ħbieb tal-Ambaxxata.

 

Fid-diskors tiegħu l-Ambaxxatur Inguanez fakkar li l-Ewwel Kap tal-iStat wara l-Indipendenza ta’ Malta, il-Maesta Tagħha ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni. L-Ambaxxatur qal li f’dawn l-aħħar 58 sena Malta ħadnet żewġ missjonijiet prinċipali, mhux biss li tbiddel l-ekonomija tagħha u toħloq tkabbir u ġid ekonomiku, imma wkoll li twaqqaf u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bilterali tagħha ma’ pajjiżi madwar id-dinja u tipparteċipa fil-fora multilaterali bħala sieħeb afdat. Huwa qal li t-tweġiba għall-isfidi internazzjonali tal-lum qegħda fid-djalogu u ftehim permezz tal-multilateraliżmu. Huwa b’dawn il-valuri ta’ kollaborazzjoni li Malta ser tieħu postha fil-Kunsill tas-Sigurta tal-Ġnus Magħquda min Jannar 2023 bħala membru mhux permanenti.​