Jum l-Indipendenza ta’ Malta ċċelebrat fi New Delhi

Jum l-Indipendenza ta’ Malta ċċelebrat fi New Delhi

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Set 29, 2022
 

Nhqar it-Tnejn 26 ta’ Settembru 2022, il-Kummissarju Għoli ta’ Malta għall-Indja, l-E.T. Reuben Gauci flimkien ma’ martu, Dott Olga V. Gauci,  ospitaw numru mdaqqas ta’ mistednin distinti sabiex jiġi ċċelebrat it-58 Anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta nhar il-21 ta’ Settembru 1964. Dan ir-riċeviment ittella’ fil-Lukanda Ambassador , f’ Khan Market, New Delhi.

Għal dan l-avveniment attendew ukoll il-Viċi Kap tal-Missjoni s-Sur Ivan Vassallo, it-Tieni Segretarju u Konslu s-Sur Daniel Massa kif ukoll l-Attache Konsulari l-Kaptan Jesmond Brincat. L-istaff lokali Indjan tal-Kummissjoni Għolja ta’ Malta fi New Delhi attendew ukoll.

Il-mistieden prinċipali kienet il-Ministru tal-Istat għall-Affarijiet Esterni u l-Kultura, l-E.T. Meenakshi Lekhi. L-avveniment beda b’ messaġġ online tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u Kummerċ, l-Onor Dott Ian Borg, liema diskors kien magħmul għar-riċevimenti kollha tal-Indipendenza mtella’ mill-Ambaxxati Maltin madwar id-dinja.

  

Waqt d-diskors tiegħu, li ġie maqlub għall-Ħindi minn martu, il-Kummissarju Għoli Gauci qal li r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Indja jmorru lura sa mill-10 ta’ Marzu 1965, fejn 6 xhur biss wara l-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta, l-Indja ħadet il-pass li tirrikonoxxi lil Malta u li tistabbilixxi relazzjonijiet diplomatiċi magħha.

 

Il-Kummissarju Għoli tkellem ukoll fuq it-tnedija tal-birra Maltija Cisk ( verżjoni mhux alkoħolika) li bdiet tiġi impurtata fl-Indja mill-kumpanija tal-Importazzjoni Indjana,  A & Z Export International, liema kumpanija qegħda tipprepara biex timporta prodotti Maltin oħrajn fil-ġejjieni qrib.

 

Min-naħa tagħha, il-Ministru Lekhi affermat li Malta u l-Indja igawdu minn relazzjonijiet b’ saħħithom ħafna waqt li tkellmet b’ apprezzament fuq iż-żjara uffiċċjali li għamlet f’ Malta f’ Awwissu 2022, fejn iltaqgħet mal-President tar-Repubblika, l-E.T. George W. Vella, mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u Kummerċ, l-Onor Ian Borg, u mal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, l-Onor Owen Bonnici. ​