“Fl-aħħar
sentejn pajjiżna għamel bosta riformi u bidliet importanti ħafna, fosthom biex
inkomplu ntejbu s-sistemi tagħna, insaħħu s-saltna tad-dritt u l-mod kif isiru
ħatriet importanti. Sar ukoll xogħol biex ikun implimentat pjan ta’ azzjoni
maqbul mal-FATF. Din il-ħidma ġiet apprezzata minn bosta, xejn inqas
mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa Marija Pejčinović Burić.”
Stqarr dan
il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt
iż-żjara li kellu f’Turin fl-Italja fejn, apparti li indirizza l-132 sessjoni
tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, huwa kellu wkoll bosta laqgħat
bilaterali.
F'dawn
il-laqgħat bilaterali, il-Ministru Ian Borg għamel referenza wkoll għall-fatt
li Malta b’impenn se tkun qed tpoġġi isimha għall-elezzjoni ta’ siġġu mhux
permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li se ssir fid-9 ta’
Ġunju.
Huwa ltaqa’
wkoll mas-Segretarju tal-Istat tar-Renju Unit Elizabeth Truss, fejn ġew
diskussi bosta temi fosthom l-irwol u l-importanza tal-Commonwealth fid-dinja
tal-lum u fid-dawl tal-isfidi preżenti.
F’laqgħa
bilaterali li saret mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Italja Luigi Di
Maio, il-kontinġent Malti ddiskuta r-rabtiet storiċi bejn Malta u l-Italja
f’dak li hu l-wirt u l-kultura Mediterranja, kif ukoll dwar l-isfidi kondiviżi
bħalma huma l-migrazzjoni u s-sitwazzjoni preżenti fil-Libja.
Ġew diskussi
wkoll temi bħall-prijoritajiet tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea waqt laqgħa li
saret mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Ċeka Jan Lipavský,
liema pajjiz issa jmissu jippresjedi fuq il-Kunsill.
Fl-istess
żjara, il-Ministru Ian Borg kellu l-opportunità li jkompli jiddiskuti
r-relazzjoni bilaterali ta’ pajjiżna ma’ bosta oħrajn, fosthom mal-Ministri
għall-Affarijiet Barranin tal-Ungerija Péter Szijjártó, tal-Moldova Nicu
Popescu, tal-Ġorġja Ilia Darchiashvili, tal-Andorra Maria Ubach i Font, ta’ San
Marino Luca Beccari u tal-Iżlanda Thórdís Kolbrún Reykfjörd Gylfadóttir.