Għall-ewwel
darba Malta se jkollha l-ewwel preżenza diplomatika fl-Amerika Latina. Dan hekk
kif l-Ambaxxatur John Aquilina ppreżenta l-kredenzjali tiegħu bħala l-ewwel
Ambaxxatur residenti fi Brasilia lill-President tar-Repubblika Federali
tal-Brażil Jair Messias Bolsonaro. Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru
għar-Relazzjonijiet Esterni tal-Brażil Carlos Alberto Franco França.
Matul
iċ-ċerimonja tal-kredenzjali, iż-żewġ naħat irreferew għar-relazzjonijiet
bilaterali eċċellenti li ilhom jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-President
Bolsonaro esprima s-sodisfazzjon tiegħu illi Malta għażlet lill-Brażil sabiex
tistabbilixxi l-ewwel ambaxxata fl-Amerika Latina. Dan huwa mument sinifikattiv
fir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Brażil, u l-President Bolsonaro
wera x-xewqa tiegħu li jittejbu l-iskambji u l-koperazzjoni bejn iż-żewġ
pajjiżi għall-benefiċċju taż-żewġ naħat. L-Ambaxxatur Aquilina tenna
l-intenzjoni ta’ Malta li ssaħħaħ l-impenn tagħha lejn il-Brażil u l-Amerika
Latina bħala parti mill-isforzi kontinwi biex jitwessgħu l-orizzonti
tal-politika barranija.
Id-deċizjoni
tal-Gvern Malti biex b’mod uffiċjali tiftaħ ambaxxata fi Brasilia tissimbolizza
pass bla preċedent fil-politika barranija ta’ Malta. Dan ukoll qed isir
fil-qafas tal-istrateġija tal-politika barranija Maltija li tnediet fi Frar
tal-2022, fejn kien speċifikat kif Malta għandha ssaħħaħ ir-relazzjonijiet
bilaterali trans-Atlantiċi ma’ pajjiżi mill-Amerika t’Isfel sabiex tesplora
opportunitajiet politiċi u ekonomiċi ġodda.


