28 u 29 ta’ Jannar, 2021

‘X’jistenna l-kobor tiegħek mill-iżgħar fost iż-żgħar?’ hija silta meħuda minn ‘L-Għanja ta’ Malta’, li hija kantata miktuba mill-Prof. Oliver Friggieri u li nstemgħet għall-ewwel darba fil-KonKatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta fl-1989. Din hija l-mistoqsija li timmarka t-tema tal-laqgħa tal-Ambaxxaturi għal din is-sena, fejn il-‘kobor’ ta’ pajjiżna jistħoqqlu kull ġieħ, filwaqt li bħala l-‘iżgħar fost iż-żgħar’ għandna kontinwament infittxu li nsibu l-aħjar metodi kif naħdmu fir-realtajiet internazzjonali.

Diskors mis-Segretarju Permanenti

Laqgħa tal-Ambaxxaturi 2021 – L-ewwel jum – 28 ta’ Jannar, 2021

Onorevoli Ministru

Eċċellenzi

Huwa ta’ pjaċir għalija li għandi l-opportunita’ nindirizzakom f’din l-ewwel laqgħa tal-Ambaxxaturi li qed nipparteċipa fiha. Din il-laqgħa qed tittella’ fi żmien li huwa inkwetanti daqs kemm huwa eċitanti, kemm għal Malta u anke mill-aspett multilaterali. Żmien li jitlob minna li nkunu kawti iżda fl-istess waqt kuraġġużi li nidħlu għal inizjattivi ġodda. Żmien li fih nagħrfu noffru valur lill-kobor tagħna bħala nazzjon, bla ma ninsew iċ-ċokon reali ta’ pajjiżna. Din hija d-dinja li qed ngħixu fiha, dinja li toffrilna potenzjal enormi u fl-istess waqt tpoġġi fuqna limitazzjonijiet kbar.

Politika Barranija

Nemmen li fil-politika barranija tagħna hekk kif imsejsa mill-1964 lil hawn, għarafna nżewġu l-kobor u ċ-ċokon ta’ pajjiżna b’tali mod li llum il-ġurnata l-identita’ li bnejna bħala nazzjon titlob minna li ma ninjorawx il-ħidma li wettqu dawk kollha li ġew qabilna u taw is-sehem tagħhom biex kienu rappreżentanti denji ta’ dan il-pajjiż.

Iċ-ċokon tagħna jitlob minna li jkollna politika ffokata fuq miri ċari. Għalhekk nistinkaw kemm nifilħu biex inkunu aġenti ta’ paċi fil-Mediterran. Għalhekk nagħtu importanza kbira lis-sigurta’ u l-istabbilita’, biex il-pajjiż ġar tagħna l-Libja jkun jista’ jqum fuq saqajh. Għalhekk qed inħarsu lejn l-Afrika bħala l-art tal-opportunitajiet.

Huwa għalhekk ukoll li nistinkaw sabiex niksbu l-aħjar mill-isħubija tagħna fl-Unjoni Ewropeja. Din hija politika li taqbel għalina l-Maltin u fl-istess waqt ma tippromwovi l-ħsara fuq ħadd. Il-politika tagħna m’hijiex ikkaratterizzata minn ħafna promozzjoni ta’ prinċipji morali għolja, li x’ħin tagħsarhom jifdallek biss suġġett sterili li ma jissarrfu f’ebda ġid la għall-Maltin, fuq il-kamp bilaterali, u wisq anqas għall-umanita’ kollha kemm hi, fil-kamp multilaterali taħt il-kappa tal-Ġnus Magħquda.

Għaldaqstant huwa ta’ sodisfazzjon li ninnota li l-pajjiżi kollha li b’xi mod imissu mal-Mediterran, iktar ma jmur qed jagħrfu li l-koerenza tagħna fil-politika barranija favur id-djalogu fuq il-kwestjoni tal-Lvant tal-Mediterran, tagħmel minna pajjiż b’argumenti li nistgħu niddefenduhom f’kull ċirkostanza. Għalkemm ikun hemm min jixtieq ipenġi lil Malta bħala maħbuba wisq ma’ pajjiż jew ma’ ieħor, fl-aħħar mill-aħħar ilkoll jafu li mħabbitna tmur għal pajjiżna, daqs kemm tmur għall-paċi.

Għalhekk huwa ta’ pjaċir għalija li nara li pajjiżna jesporta f’idejn iż-żgħażagħ Libjani l-għodda tal-koperazzjoni fil-qasam tal-kummerċ u l-iżvilupp edukattiv. Għodda li biha nippromwovu l-paċi dejjiema, mhux id-degrad tal-kommunitajiet. Il-paċi fil-Libja jeħtieġ tkun sostnuta bil-bini ta’ strutturi ċivili li joffru lill-poplu Libjan it-tama ta’ qawmien ġdid li ma jiddependix biss fuq min joffri l-protezzjoni għall-kunflitti tal-lum, iżda jiddependi fuq kollox fuq il-bini ta’ ġejjieni tajjeb għal poplu li bħalna jrid jgħix fil-paċi; bħalna jixtieq il-ġid lill-familji tiegħu; u bħalna jixtieq li jara lilu nnifsu stmat bħala persuna f’artu u bħala poplu fil-bqija tad-dinja.

Bħalma r-relazzjonijiet bilaterali tagħna mal-Libja u mal-Italja huma kruċjali fil-ħolqien ta’ pont bejn l-Ewropa u l-Afrika, daqstant ieħor huwa kruċjali għalina li naraw l-Unjoni Ewropeja tikkollabora mill-qrib mal-kontinent Afrikan. Kollox jindika li bosta ekonomiji fl-Afrika huma mistennija jikbru. Huwa minnu li l-Covid-19 tefgħet lura f’faqar estrem lill-miljuni ta’ Afrikani, iżda huwa minnu wkoll li bosta se jkunu l-pajjiżi Afrikani li bħalna se jistinkaw biex jaraw li l-ekonomija tagħhom tirkupra malajr kemm jista’ jkun, wara li l-effetti devastanti tal-pandemija jkunu ġew taħt kontroll. Għalhekk bħalma l-Unjoni Ewropeja tagħraf li jekk l-Afrika tifjorixxi, dan ikun ta’ gwadann ukoll għall-Ewropa (kif kien mistqarr mill-President tal-Kummissjoni Ewropeja fil-ftuħ tal-għaxar sessjoni plenarja bejn il-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana u dik Ewropeja mtella’ fi Frar li għadda), hekk ukoll naraw li naħdmu biex infittxu opportunitajiet ta’ gwadann reċiproku ma’ pajjiżi ta’ dan il-kontinent bl-iżjed popolazzjoni żagħżugħa fost il-bqija tal-kontinenti.

Permezz tal-ħidma mmexxija mir-Rappreżentanta Permanenti tagħna fi Brussell, illum stajna naraw il-ħidma li qed issir biex ikun hemm kordinament mill-iżjed effettiv bejn id-Direttorati fil-Kapitali tagħna Valletta, l-Ambaxxati tagħna fl-Ewropa u l-pajjiżi ġirien, kif ukoll il-Korp Diplomatiku tagħna ġewwa Brussell. Dan huwa xhieda tal-ħidma li qed issir biex il-vuċi tagħna bħala Membru Stat tal-Unjoni Ewropeja, tkun vuċi waħda, attiva u koordinata bl-aħjar mod.

Fuq il-front multilaterali ħassejtni kburi kemm bħala Malti u kemm bħala Uffiċjal fi ħdan il-Ministeru, li wara li Malta kienet iffirmat u rratifikat t-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Armi Nukleari is-sena li għaddiet; il-ġimgħa li għaddiet bosta saru jafu li l-impenn tagħna f’dan ir-rigward kien fost l-ewwel ħamsin stati fid-dinja, iżjed u iżjed meta dan urejnih lil bosta nies f’Malta u barra minnha, billi fil-qalba tal-Port il-Kbir tfajna projections fuq il-Forti Sant’ Anġlu li juru li Malta aderixxiet ma’ dan it-trattat. Din hija tassew espressjoni konkreta favur il-paċi, li tmur lil hinn mir-retorika għaliex tkun magħrufa minn kulħadd bħala ġest sostnut bil-fatti.

Sinerġiji

La qed nitkellmu dwar il-fatti, naħseb illi jkun għaqli li fl-ewwel indirizz tiegħi lilkom nistqarr magħkom x’inhuwa l-impatt pożittiv li nixtieq inħalli bil-ħidma tiegħi f’dan il-Ministeru, bħalma ninsab ċert li bosta minnkom ilkom tħallu għal ħafna snin.

Ilni għaxar snin inservi fl-amministrazzjoni pubblika, ħames snin qattajthom immexxi l-amministrazzjoni fil-Kunsilli Lokali u din is-sena se nkun qed nagħlaq ħames snin inservi bħala Segretarju Permanenti. F’dawn is-snin ta’ ħidma dejjem rajt illi nimbotta l-ġid komuni qabel l-interessi personali ta’ wħud. Dejjem rajt li f’ħidmieti l-ġid tal-organizzazzjoni jiġi qabel l-interess tiegħi jew ta’ uħud fi ħdan l-istess organizzazzjoni. Nemmen li dan huwa l-mod kif wieħed jista’ jasal iħalli legat biex ikun tassew ta’ servizz għall-oħrajn.

Nistqarr magħkom li ma kienx faċli għalija nadatta ruħi għall-bidla, iżda fl-istess waqt inħossni sodisfatt li iżjed ma jgħaddi ż-żmien, bl-għajnuna tagħkom u ta’ bosta uffiċjali oħra fi ħdan il-Ministeru, qed jirnexxieli nifhem dejjem aħjar l-oqsma varji marbuta mal-politika barranija u l-proċessi amministrattivi li jiffurmaw il-ħidma tagħna ta’ kuljum.

Waħda mill-affarijiet li nħoss li jeħtieġ li naħdmu iżjed dwarha lkoll kemm aħna, hija proprju l-komunikazzjoni effettiva tagħna, kemm bejnietna u anke ma’ entitajiet oħra. Kif tafu, dan ix-xahar nidejna pjattaforma ġdida li permezz tagħha ir-rapporti ta’ kull xahar li tgħaddulna mill-Ambaxxati issa bdew ikunu aċċessibbli elettronikament bil-għan li jirnexxilna nolqtu bosta aspetti, fosthom li l-aċċessibilita’ tkun waħda faċli, tiżdied it-trasparenza, ir-rapporti jkunu iżjed konċiżi u nsaħħu l-memorja istituzzjonali billi nippromwovu ħolqien ta’ databases flok patafjun ta’ emails li maż-żmien isiru impossibbli li tfittxhom u ssibhom.

Jiena ninkoraġġikom titkellmu ma’ Ministeri u korpi kostitwiti oħrajn u tesploraw inizjattivi ġodda. L-uffiċċju tiegħi narah li għandu jkun l-għodda li tiffaċilita s-sinerġiji ta’ bejnietna u mhux għarbiel li minnu jingħażel x’jista’ jsir u x’m’għandux isir. Għalhekk filwaqt li tajjeb li tingaġġaw kemm tifilħu ma’ terzi biex jixxettlu inizjattivi ġodda, ikun għaqli wkoll li żżommu lilna fil-Kapitali aġġornati b’dak li jsir, sabiex il-kordinament bejnietna jkun wieħed tajjeb.

Ma nistax nitkellem dwar il-komunikazzjoni mingħajr ma nsemmi l-emails. Filwaqt li naf li l-volum tal-emails sar joffri sfida f’bosta organizzazzjonijiet kemm privati u anke fis-servizz pubbliku, naħseb li jkun għaqli li qabel ma niktbu email nagħrfu eżatt xi rridu nikkomunikaw u lil min. Li nikkopjaw lil kull uffiċjal li b’xi mod jista’ jmiss mal-materja u fl-aħħar mill-aħħar tkun ir-responsabbilta’ ta’ persuna waħda biss li tweġibha, ma nħossx li huwa metodu effettiv kif nikkomunikaw bejnietna. Inqisha importanti li bħala parti mir-rapporti li tgħaddulna, tibagħtu wkoll punti saljenti li tkunu tixtiequ li jinqabdu minn min ċertament m’għandux il-ħin jaqra rapporti twal, minħabba l-kwantita’ li jaslulu ta’ kuljum. Dan ma ngħidux bi kritika, iżda b’rispett lejn il-ħidma ta’ xulxin għaliex messaġġ jasal iżjed jekk jinkiteb fil-qosor, milli b’rapporti li jkun diffiċli li wieħed jaqrahom kollha. Naf li dan id-diskors jaf jinstema’ trivjali għal laqgħa tal-Ambaxxaturi li ssir darba f’sena, iżda fl-istess waqt inħoss li l-mod kif nikkomunikaw bejnietna huwa importanti ferm biex il-ħidma tagħna tkun dejjem aktar effettiva.

Napprezza ħafna inizjattivi bħal dik li saret il-ġimgħa li għaddiet mid-Direttorat Ġenerali għall-qasam Globali, fejn permezz ta’ webinar intom l-Ambaxxaturi ġejtu mlaqqgħin biex tifhmu x’inhu l-ħsieb wara t-tliet Ambaxxaturi tematiċi maħtura riċentament. Dawn l-inizjattivi joħolqu sens akbar ta’ camarederie u ninsab ċert li jqanqlu fostkom ir-rieda li tidħlu f’sinerġiji ġodda.

Kif tistgħu tinnotaw l-idea tiegħi ta’ komunikazzjoni aħjar bejnietna hija mitqiesa kruċjali għaliex nemmen li tgħin biex tkisser silos li b’mod naturali jew intenzjonat jinħolqu matul iż-żmien, li flok jgħinu fil-ħidma tagħna, ixekkluha.

L-intenzjoni tiegħi m’hijiex li nqatta’ ħini nikkritika dak li ma jaħdimx; nippreferi nuża l-enerġija tiegħi biex noħloq inizjattivi ġodda li jagħtu l-frott.

Inizjattivi

Matul din is-sena li għandna quddiemna se nkun qed naħdem flimkien magħkom u mal-uffiċjali kollha fi ħdan il-Ministeru fuq bosta inizjattivi. Qed nieħu din l-opportunita’ biex nelenka għaxar inizjattivi li jeħtieġ inkomplu naħdmu fuqhom din is-sena biex insaħħu l-ħidma tagħna:

  1. Dwar il-Libja se nara li naħdem biex jinħoloq tim ta’ nies li jsaħħaħ il-preżenza tagħna fil-Libja u joffri kontinwita’ għaż-żmien li ġej.
  2. Fir-rigward tal-istrateġija tagħna għall-Afrika, ser inkun qed nara li jkollna f’moħħna l-objettivi strateġiċi li għandna nagħtuhom prijorita’ biex fost oħrajn ikollna preżenza f’Addis Ababa, L-Etjopja u kull Direttorat ikun jaf x’inhu mistenni jwettaq bħala parti minn din l-istrateġija.
  3. Fir-reġjun tal-Golf se nvaraw proġett pilota li bih se nibdew inħaddmu key performance indicators għall-Ambaxxati, sabiex ‘l quddiem naslu biex kull Ambaxxatur li jinħatar jintrabat li jwettaq ħidmietu skont l-indikaturi mogħtija lilu. F’dan ir-rigward ninnota b’sodisfazzjoni il-viżita li għamel il-Ministru ġewwa l-Qatar fil-ġimgħa li għaddiet, fejn anke f’Doha se jkollna preżenza Diplomatika.
  4. Il-ġimgħa li għaddiet ħriġna s-sejħa għas-Second Secretaries, wara li f’Diċembru bl-għajnuna ta’ wħud minnkom tkellimna mal-istudenti tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali fl-Universita’ ta’ Malta biex inħeġġuhom jaqbdu karriera fil-Korp Diplomatiku. Qed nara li l-ewwel prijorita’ fl-eżerċizzju tal-capacity building huwa li jkollna Head Office mgħammar bir-riżorsi umani meħtieġa, u minn hemmhekk inkunu nistgħu naslu biex għada pitgħada anke r-Rappreżentanza tagħna fi Brussell tkun f’qagħda tingaġġa iżjed nies mill-Korp Diplomatiku.
  5. Diġa’ tlabna lill-Gvern Brażiljan jikkunsidra li niftħu Ambaxxata fil-Kapitali Brasilia. Morna għal dik l-għażla għaliex din hija l-iżjed belt Latin Amerikana li fiha hemm attivita’ Diplomatika li minnha Malta tista’ tibbenefika.
  6. Permezz tal-Projects Steering Committee se nkun qed nara li kull fejn meħtieġ insegwi l-proġetti li jeħtieġ isiru fi proprjetajiet li għandna ‘l barra minn xtutna u dawk li jonqosna nixtru biex inwettqu l-ħidma pjanata.
  7. Diġa’ sar bosta xogħol biex infasslu l-Politika Barranija tagħna għas-snin li ġejjin. Se naraw li dak ix-xogħol ikun konsolidat sabiex niżviluppaw politika li tirrispetta l-legat li ħallew ta’ qabilna u fl-istess waqt tilqa’ aħjar għall-isfidi ta’ żmienna.
  8. Qegħdin naħdmu wkoll sabiex niżviluppaw Foreign Services Act bil-għan li l-istatura tal-Korp Diplomatiku tissaħħaħ u l-irwol tal-ħidma tal-Ministeru jkollu l-għarfien fil-liġijiet ta’ Malta kif tassew jixraqlu.
  9. Se nkunu qed naraw li nniedu eżerċizzju ta’ corporate branding li jinkludi mill-inqas letterhead, sal-plakka li titwaħħal mal-faċċata tal-Ambaxxata, bil-għan li d-dehra tal-missjonijiet tagħna barra tkun waħda uniformi fil-missjonijiet kollha tagħna.
  10. Se niddiżinjaw programm ta’ taħriġ apposta għall-Malta Based Officers u l-Ambaxxaturi, li jkun mogħti lil dawk kollha li jkunu se jiġu assenjati f’waħda mill-missjonijiet tagħna.

Kif tistgħu tinnotaw, il-ħidma li għandu quddiemu l-Ministeru hija waħda wiesa’ ferm li fil-kuntest ta’ stat ibbażat fuq dan l-arċipelagu ta’ gżejjer żgħar tkompli tagħmilha waħda li titlob minna iżjed impenn, meta mqabbel ma’ stati kbar li għandhom il-lussu li jkollhom strutturi ikbar, fejn kull qasam ikollu nies speċjalizzati apposta. Dan mhux se jservina bl-ebda mod bħala skuża biex ma ninvestux iżjed fir-riżorsi umani. Lanqas ma huwa se jservina bħala skuża biex noqogħdu lura milli nirriformaw l-istruttura organizzattiva tal-Ministeru u nagħmluha waħda iżjed effettiva; għall-ġid tal-funzjonijiet li naqdu; tal-valorizzazzjoni aħjar tal-uffiċjali tagħna; u kif ukoll tal-klijenti kollha li jkunu jeħtieġu s-servizzi tagħna.

Covid-19

Inkun qed nonqos jekk f’dan l-indirizz tiegħi lilkom ma nitkellimx dwar it-tilqima tal-Covid-19. Naf li għal uħud minnkom ġja’ hemm soluzzjonijiet ta’ kif eventwalment se tkunu tistgħu tieħdu t-tilqima. Waslu għandi każi li jiena deherli li kienu jimmeritaw prijorita’ mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika, iżda meta qajjimthom mal-Uffiċjali inkarigati, ntqal lili li l-protokoll li qed ikun segwit ma jistax jiġi varjat għall-ħtiġijiet tal-korpi diplomatiċi tagħna. Loġistikament, żewġ problemi li nara huma; li hija diffiċli biex ikollok ftit tilqimiet jinġarru għad-Diplomatiċi tagħna biss f’kull missjoni, kif ukoll li t-tilqima tingħata f’żewġ dożi separati bi tliet ġimgħat bejniethom fil-pajjiż fejn għandna l-missjoni tagħna. Dan wassalna sabiex l-ewwel nesprimu l-inkwiet tagħna mal-European External Action Service, sabiex nifhmu jekk humiex jikkordinaw min-naħa tagħhom għad-Diplomatiċi kollha tagħhom stess, u dawk li qed jirrapreżentaw lill-Membri Stati fil-bqija tad-dinja. Issa li għandna għarfien sħiħ dwar x’inhuwa meqjus possibbli, erġajna tlabna lis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika tikkunsidra t-talbiet tagħna sabiex malli jkollna t-tweġibiet inkunu nistgħu nerġgħu nikkomunikaw magħkom f’dan ir-rigward, bit-tir li tkunu tafu x’qed isir min-naħa tagħna.

Konklużjoni

Illum hija ġurnata speċjali għall-Ministeru għaliex matulha inawgurajna din is-Sala li ninsabu fiha llum, bl-isem ta’ Sala Alfred Zarb. Naf li għal dawk li laħqu lis-Sur Zarb jafuh bħala bniedem li serva ta’ gwida u ispirazzjoni għal bosta nies fil-Korp Diplomatiku. Meta ġejt hawnhekk f’Ġunju li għadda, kien hemm min ġibidli l-attenzjoni li l-uffiċjali ma għandhomx post fejn jiltaqgħu ġewwa Palazzo Parisio. Illum se nkunu qed nilħqu​ mira oħra, bis-saħħa tal-ħidma li ssir minn bosta nies dedikati fi ħdan il-Ministeru. Dan il-post għandu jkun il-post minn fejn wieħed jiddiskuti ideat ġodda u jħares ‘l quddiem biex nagħmlu minn dan il-Ministeru organizzazzjoni miftuħa għall-ideat ġodda, li lesta biex tindirizza kwestjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar huma għall-qalb il-poplu Malti. Għalhekk nisħaq dwar l-importanza li nikkollaboraw ma’ Ministeri oħrajn. Meta nagħmlu dan, inkunu qed nagħmlu minn ħidmietna waħda iżjed relevanti għall-ħtiġijiet tan-nies.

Huwa permezz ta’ din l-attitudni li tħares ‘il quddiem biex nibnu fuq il-ħafna tajjeb li ġja’ qed isir, li beħsiebni naħdem flimkien magħkom sabiex b’mod attiv nibżgħu u naħdmu dejjem aktar għall-kobor tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna, u nagħmlu minn kollox biex miċ-ċokon tagħna nisiltu iżjed vantaġġi milli żvantaġġi.

Minn qalbi nirringrazzja lilkom ilkoll u lil kull individwu li jagħti s-sehem tiegħu fi ħdan il-Ministeru, għall-ħidma tagħkom. Aħna nistgħu ningħarfu minn dak li jirnexxilna nwettqu.

Nirringrazzjakom tal-attenzjoni.

FacebookTwitter
foreign
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.